Author: Developer

PR221198

Il-Prim Ministru Robert Abela jinsab fi New York, fl-Istati Uniti, fejn se jkun qed jipparteċipa fis-77 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda.

Bit-tema “A watershed moment: transformative solutions to interlocking challenges”, l-Assemblea Ġenerali se tiffoka l-aktar fuq ir-realtajiet li ġabu magħhom il-kunflitt fl-Ukrajna, il-pandemija, u t-tibdil fil-klima. L-isfidi umanitarji, l-edukazzjoni, id-drittijiet tal-minoritajiet, u l-ekonomija globali f’dawn iċ-ċirkostanzi huma wkoll temi li se jkunu diskussi.

Fi New York, il-prim ministru se jkollu wkoll sensiela ta’ laqgħat bilaterali.​

PR221185

F’laqgħa mas-segretarji permanenti tal-ministeri, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq fuq l-effiċjenza u l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet meħuda mill-gvern. Fl-ogħla forum tal-amministrazzjoni pubblika, il-prim ministru spjega li l-messaġġ ta’ għaqal u prijoritajiet f’ġieħ l-istabbiltà u s-sostenibbiltà mhux se jfissru tnaqqis fir-ritmu tal-ħidma.

Fl-istess jum li tnieda d-Dokument ta’ Qabel il-Budget, il-prim ministru aċċenna li l-gvern għandu pjan biex jibqa’ jsostni lin-nies frott l-investiment u t-tkabbir ekonomiku li pajjiżna qed jibqa’ jesperjenza. Fil-preżenza wkoll tas-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana u s-Segretarju tal-Kabinett Ryan Spagnol, il-Prim Ministru Robert Abela spjega kif irridu nibqgħu naħdmu mas-settur privat li qed juri fiduċja f’pajjiżna. Hawn semma fost oħrajn ċifri mis-settur tal-ospitalità għal din is-sena li jiżbqu dawk li kellna qabel il-pandemija, b’għaxra fil-mija.

“Għandna riżultati li jimlewna b’fiduċja kemm fuq tkabbir ekonomiku u anki b’rabta mal-investiment. Il-manifest elettorali “Malta Flimkien” ingħata l-fiduċja mill-poplu u aħna lkoll, fl-irwol differenti li għandna fil-gvern, irridu naħdmu biex dan il-manifest, li issa huwa l-programm ta’ ħidma tagħna, jitwettaq kollu kemm hu”, saħaq il-prim ministru waqt li kien qed jindirizza lis-segretarji permanenti. Il-prim ministru saħaq ukoll fuq il-ħtieġa ta’ aktar tnaqqis fil-burokrazija u favur tmexxija retta iżda b’effiċjenza u ħeffa biex il-programm riformista tal-gvern jibqa’ għaddej favur il-ħtiġijiet tal-pajjiż u l-poplu.​​

PR221182

Il-Prim Ministru Robert Abela żar żewġ kumpaniji tal-iGaming li ilhom jinvestu f’pajjiżna għal mill-inqas tmien snin. Fiż-żewġ żjarat, il-Prim Ministru nnota l-importanza tal-industrija tal-iGaming f’pajjiżna u l-innovazzjoni li ġġib magħha.

Fil-binja tal-kumpanija Flutter fi Spinola Park, il-Prim Ministru nnota li hemm mad-disa’ mitt ħaddiem li timpjega l-kumpanija, fosthom Maltin, u rrimarka għall-fatt li Flutter qed tikkontribwixxi fl-ekonomija Maltija u espandiet l-operat tagħha f’pajjiżna. Flutter, kumpanija internazzjonali, għandha numru ta’ kumpaniji sussidjarji fosthom PaddyPower u Betfair. Waqt iż-żjara, il-Kap tal-Operat ta’ PaddyPower u Betfair, Jeff Power sostna li f’Malta sab kwalità fis-settur tax-xogħol. Jeff Power spjega inizjattivi differenti li Flutter tieħu b’risq il-komunitajiet f’pajjiżna fosthom xogħol volontarju mwettaq mill-ħaddiema tal-kumpanija u anke kif jippromwovu l-ugwaljanza u d-diversità fuq il-post tax-xogħol.

Fi żjara oħra li għamel il-Prim Ministru, iltaqa’ mal-ħaddiema ta’ Evolution fl-Imrieħel u rrimarka li pajjiżna jrid ikompli joħloq iżjed impjiegi ta’ kwalità. Fuq medda ta’ erba’ snin, Evolution triplat in-numru ta’ ħaddiema f’pajjiżna biex illum tħaddem elf u tliet mitt persuna, terz minnhom huma Maltin. Il-kumpanija tipprovdi l-prodott ta’ online casino u hi mferrxa f’aktar minn erbgħin post madwar id-dinja. Il-Kap Eżekuttiv ta’ Evolution Global Martin Carlesund spjega lill-Prim Ministru l-kumplessità tat-teknoloġija mħaddma biex tipprovdi prodott ta’ kwalità lill-klijenti ta’ Evolution. Martin Carlesund sostna li għan-negozju, Malta hija post eċċellenti.

Fiż-żewġ żjarat, il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka għall-andament pożittiv tal-kumpaniji. Sostna li din l-industrija qed tkompli tissaħħaħ frott anke l-fiduċja murija f’pajjiżna minn kumpaniji internazzjonali kbar li mhux biss qed jagħżlu jinvestu f’Malta iżda saħansitra qed ikabbru l-operat. Il-Prim Ministru saħaq li quddiem il-fiduċja murija għandna nkomplu ninċentivaw filwaqt li nibqgħu effettivi b’qafas regolatorju li jagħmel lil pajjiżna ġurisdizzjoni serja f’industrija tant importanti.

Jakkumpanja lill-Prim Ministru fiż-żewġ żjarat kien hemm il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet, Silvio Schembri.

PR221151

Tul is-sebgħin sena ta’ servizz, ir-Reġina Eliżabetta t-Tieni ġibdet l-ammirazzjoni ta’ bosta madwar id-dinja, mhux l-inqas f’Malta, il-pajjiż li miegħu kellha rabta speċjali għax għexet fih u żaritu diversi drabi.

Ir-Reġina Eliżabetta t-Tieni tibqa’ magħrufa wkoll għas-sens ta’ dover li bih dejjem qdiet l-irwol importanti li kellha.

Ir-Reġina Eliżabetta t-Tieni tat kontribut importanti ħafna ukoll lejn il-Commonwealth, li taħt it-tmexxija tagħha evolva f’organizzazzjoni dinamika li tippromwovi d-demokrazija, id-diversità u fejn il-popli jiġu flimkien.

Il-Gvern ta’ Malta jibgħat il-kondoljanzi tiegħu lill-familja Rjali u lill-poplu kollu tar-Renju Unit.​

PR221116

Matul żjara li l-Prim Ministru tal-Gvern ta’ Unità Nazzjonali Libjan Abdul Hamid Dbeibah għamel f’pajjiżna l-Erbgħa waranofsinhar, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li l-paċi u l-istabbiltà dinjija huma kruċjali meta bħalissa teżisti klima internazzjonali bi sfidi kbar li qed tinbidel kontinwament. “L-isfidi ġejjin mit-tibdil fil-klima, l-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, u ż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u l-ikel qed iħallu l-konsegwenzi tagħhom u l-ogħla prezz qed iħallsuh in-nies”, qal il-Prim Ministru Abela.

Minkejja ċ-ċokon ta’ pajjiżna, Malta mhux se tkun indifferenti, tenna l-Prim Ministru. “Se nkomplu nitkellmu favur il-paċi u d-djalogu biex il-kunflitti jissolvew b’mod paċifiku”, qal Dr Abela. Dwar il-każ tal-Libja, li fl-aħħar jiem reġgħet esperjenzat ġlied kawża ta’ kunflitti politiċi, il-Prim Ministru qal li huwa konxju li dawn iċ-ċirkostanzi huma ta’ sfida. Iżda esprima l-fehma tiegħu li l-futur tal-poplu Libjan u s-soluzzjonijiet li għandhom jinstabu, jista’ jsibhom il-poplu Libjan innifsu, mingħajr ebda influwenza esterna.

Saħaq li Malta tibqa’ sieħeb strateġiku tal-Libja. Kemm permezz tal-istorja bejn iż-żewġ pajjiżi, il-pożizzjoni ġeografika kif ukoll ir-relazzjonijet tajbin bejn iż-żewġ popli. Qal li l-Libja se tkompli ssib lil Malta timbotta ‘l quddiem il-kawża tal-Libja hekk kif Malta se tpoġġi fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda.

Matul il-laqgħat li kellhom, iż-żewġ delegazzjonijiet identifikaw oqsma komuni għaż-żewġ pajjiżi li fuqhom tista’ ssir iktar kollaborazzjoni. Ewlenin fosthom il-politika dwar it-tibdil fil-klima, l-enerġija, l-edukazzjoni u s-saħħa, fost l-oħrajn. Dawn il-koperazzjonijiet bilaterali jkomplu jsaħħu r-relazzjonijiet tajbin li dejjem kellhom iż-żewġ pajjiżi.

Preżenti għal-laqgħat bilaterali għan-naħa tal-Gvern Malti kien hemm id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u l-Ministri Ian Borg, Silvio Schembri, Byron Camilleri, Miriam Dalli u Clyde Caruana.