Author: Developer

PR221234

Fil-marġini tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Prim Ministru Robert Abela kellu laqgħa bilaterali mal-President tal-Kunsill Libjan Mohamed Menfi.

Malta bħala membru elett tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti se taħdem biex tappoġġja l-isforzi tas-Segretarju Ġenerali u tar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali dwar il-Libja.

Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li Malta se tkompli taħdem biex il-Libja tibqa’ fuq quddiem fl-aġenda tal-UE, b’mod partikolari fid-dawl tas-sitwazzjoni ġeopolitika attwali.

Ġew diskussi wkoll setturi ta’ kollaborazzjoni bħall-enerġija, il-kummerċ, l-edukazzjoni u s-saħħa.

Il-Prim Ministru tenna li Malta hija kommessa li żżomm relazzjoni b’saħħitha mal-Libja u l-poplu Libjan.

Antigwa u Barbuda

Il-Prim Ministru Robert Abela ffirma ftehim mal-Prim Ministru tal-Antigua u Barbuda Gaston Browne li se jwassal biex l-Aġenzija għall-Enerġija u Ilma ta’ Malta tassisti lill-pajjiż iżid il-kapaċità tiegħu fl-immaniġġjar aħjar tar-riżorsi skarsi tal-ilma.

Dan il-ftehim jimplimenta dikjarazzjoni li l-Prim Ministru għamel waqt il-COP26 fi Glasgow dwar l-inizjattiva ta’ Malta Islands for Islands, li timmira biex tgħin gżejjer żgħar li għadhom qed jiżviluppaw sabiex jegħlbu l-isfidi uniċi li jiffaċċjaw relatati mat-tibdil fil-klima.

Fid-diskors tiegħu lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li Malta qed tgħin lil stati gżejjer żgħar oħra fil-qasam tal-immaniġġjar tal-ilma – sfida għal ħafna pajjiżi u waħda ewlenija għall-ġenerazzjoni preżenti.​

PR221223

Matul is-77 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda fi New York, il-Prim Ministru Robert Abela qed ikollu diversi laqgħat bilaterali mal-kapijiet tal-istat u tal-gvern bil-għan li jissaħħu r-relazzjonijiet ma’ pajjiżi differenti.

Jemen

F’laqgħa bilaterali mal-President tar-Repubblika tal-Jemen Rashad Mohamed Ali Al-Alimi, id-diskussjoni ffukat fuq ir-rwol ta’ Malta fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda s-sena d-dieħla. Il-Prim Ministru Robert Abela qal li Malta hija mpenjata li f’ħidma mal-pajjiżi kollha li jiffurmaw parti mill-kunsill biex tassigura r-rispett għar-regolamenti internazzjonali. Żied jgħid li Malta tappoġġja l-isforzi ta’ paċi mmexxija min-Nazzjonijiet Magħquda fil-Jemen, u enfasizza l-ħtieġa li l-partijiet kollha, inklużi ċ-ċittadini tal-Jemen, jidħlu fi proċess inklużiv lejn il-paċi u l-istabbiltà.

Ekwador

F’laqgħa bilaterali bejn il-President tar-Repubblika tal-Ekwador Guillermo Lasso Mendoza u l-Prim Ministru Robert Abela, iż-żewġ pajjiżi qablu li se jkunu qed jaħdmu flimkien bħala membri eletti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda bejn l-2023 u l-2024. Id-diskussjoni ffukat fuq il-prijoritajiet komuni, fosthom l-aġenda fuq il-paċi u s-sigurtà, is-sigurtà tal-klima, u li jinżammu bħala prijorità soluzzjonijiet paċifiċi għat-tilwim. Il-prim ministru nnota ukoll ir-rabtiet kordjali bejn iż-żewġ pajjiżi u enfasizza li Malta hija miftuħa biex iżżid u ssaħħaħ ir-relazzjonijiet bilaterali.

Ghana

F’laqgħa li saret mal-President tal-Ghana Nana Addo Dankwa Akufo-Addo ġew enfasizzati r-rabtiet b’saħħithom bejn Malta u l-Ghana, partikolarment f’oqsma bħall-kummerċ u t-turiżmu. Ġiet indirizzata ukoll il-possibbiltà għal titjiriet diretti bejn iż-żewġ pajjiżi. Il-Prim Ministru Robert Abela qal li jħares ‘il quddiem għal kollaborazzjoni kontinwa kemm bilateralment kif ukoll multilateralment.​

PR221204

Fi New York, il-Prim Ministru Robert Abela indirizza Summit dwar l-edukazzjoni, li matulu l-mexxejja ta’ pajjiżi differenti tkellmu dwar l-impenn tagħhom biex jitrasformaw l-edukazzjoni sal-2030. Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru tkellem dwar l-impenn li pajjiżna jkompli jilħaq il-miri tiegħu fl-edukazzjoni.

“Il-Gvern Malti huwa kommess li jkompli jilħaq il-miri tiegħu fl-edukazzjoni u li jsegwi l-implimentazzjoni tagħhom bil-għan li jħallu aktar riżultati pożittivi sal-2030. L-edukazzjoni f’pajjiżna hija waħda inklussiva minn kull aspett, għaliex tiffoka fuq li nipprovdu aċċess ugwali lil kulħadd. Kull wieħed minnha għandu jpoġġi l-aċċess għal edukazzjoni ta’ kwalità bħala prijorità.”

Il-Prim Ministru rrefera għall-Politika Nazzjonali tal-Inklużjoni li qed tiġi implimentata f’pajjiżna favur aktar miżuri ta’ inklużjoni. “Investejna ukoll fl-infrastruttura diġitali biex nassiguraw li l-istudenti jkollhom aċċess għal edukazzjoni diġitali ta’ kwalità. L-impenn tagħna se jibqa’ li nkomplu ninvestu fil-pjattaformi diġitali biex noffru l-aqwa riżorsi edukattivi”, saħaq il-Prim Ministru Robert Abela.

Il-Prim Ministru sostna li bħala membru elett tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda, Malta se tpoġġi bħala prijorità l-litteriżmu filwaqt li se tkompli taħdem biex tissalvagwardja d-dritt għall-edukazzjoni.

“Jekk jirnexxielna nittrasformaw l-edukazzjoni, inkunu biddilna l-futur”, ikkonkluda l-Prim Ministru.​

PR221203

F’indirizz li għamel fl-LGBTI Core Group, grupp reġjonali tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li Malta qed tħares ’il quddiem biex tilqa’ bosta nies minn madwar id-dinja fil-EuroPride li se tkun organizzata bejn is-7 u s-17 ta’ Settembru ta’ sena oħra.

Hu u jindirizza diskussjoni forma ta’ konferenza marbuta mas-77 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York, il-Prim Ministru Abela spjega li fl-2013, Malta kienet fit-18-il post tal-indiċi ILGA-Europe b’punteġġ ta’ 35% iżda llum pajjiżna jinsab fl-ewwel post b’punteġġ ta’ 92%.

“Iċ-ċaqliq fil-politika u l-liġijiet favur aktar ugwaljanza fost persuni LGBTIQ sar riżultat ta’ ħidma u sħubija bejn il-gvern u s-soċjetà ċivili”, spjega l-Prim Ministru Robert Abela.

Fid-diskussjoni bit-tema ‘The Right to Be Me’, il-Prim Ministru Abela saħaq li pajjiżna għamel qabżiet kbar u Malta hija onorata li llum qed isservi ta’ mudell għal pajjiżi oħra.

F’kuntest dinji, il-prim ministru Malti saħaq li fadal x’naqdfu biex persuni LGBTIQ madwar id-dinja jgawdu minn drittijiet ċivili.

Hawn semma l-ħtieġa li persuni LGBTIQ ikollhom id-dinjità u d-drittijiet fundamentali tagħhom imħarsa.

Filwaqt li spjega kif fil-EuroPride ta’ sena oħra f’pajjiżna se jkun hemm għadd ta’ attivitajiet fosthom konferenzi u laqgħat ta’ appoġġ għall-komunità LGBTIQ, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li fl-aspett ta’ dawn id-drittijiet, Malta hija storja ta’ suċċess, għax semgħet ukoll il-vuċijiet ta’ kulħadd.