Author: Developer

PR221382

F’laqgħa ta’ qabel il-Budget mal-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem (MEA) fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li b’responsabbiltà, il-Gvern se jkompli bil-politika li ma jimponix piżijiet fuq in-negozji u jagħti sostenn kemm jista’.

Mal-MEA, Dr Abela afferma mill-ġdid l-impenn li fuq pjan ta’ ħames snin innaqsu l-piż tat-taxxa fuq in-negozji u ndaħħlu inċentivi ġodda għal min jinvesti u joħloq ix-xogħol f’pajjiżna.

Il-Prim Ministru fakkar kif il-Gvern Malti huwa l-uniku fl-Ewropa li qed iġorr il-piż hu taż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwil.

Dan ifisser li n-negozji f’Malta baqgħu kompetittivi u qed jibbilanċjaw ma’ sfidi oħra li jeżistu, bħall-insularità ta’ pajjiżna.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li fil-pjan li għandu l-Gvern hemm għan li ntejbu l-kwalità tal-ħajja u dan se jfisser li nsaħħu drittijiet ġodda għall-ħaddiema, kif diġà sar fl-aħħar xhur.

“Meta nsaħħu d-drittijiet tal-ħaddiema nemmen li noħolqu opportunitajiet ekonomiċi ġodda,” qal il-Prim Ministru, li spjega wkoll kif huwa kruċjali li niffokaw fuq it-titjib tal-ħaddiema f’settur tax-xogħol b’saħħtu f’pajjiżna.

Dr Robert Abela fisser din il-prijorità bħala bidla meħtieġa għall-ekonomija f’kuntest ta’ bidliet kbar oħra li rridu nagħmlu bħala pajjiż minħabba d-diġitalizzazzjoni u t-tibdil fil-klima.

Min-naħa tagħha, il-President tal-MEA Joanne Bondin saħqet ukoll fuq il-ħtieġa li nsaħħu s-settur tax-xogħol billi ntejbu l-ħiliet tal-ħaddiema.

Filwaqt li l-MEA preżentat il-proposti tagħha, għarfet l-għajnuna li qed jagħti l-Gvern fis-settur tal-enerġija u li biha qed ikun ta’ spalla għan-negozji u fuq kollox il-familji, li jaqilgħu l-għajxien minn min jagħtihom ix-xogħol.

Għal din il-laqgħa kien hemm preżenti wkoll il-Ministri Clyde Caruana u Silvio Schembri, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul u d-Deputat tal-Gvern Rosianne Cutajar.

PR221375

F’laqgħa ta’ qabel il-Budget mal-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji (Chamber of SMEs) fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li bħala gvern irridu nkomplu nemmnu fl-investiment u fis-sostenn tal-kapaċità produttiva ta’ pajjiżna.

Dr Abela qal li fi żmien fejn f’pajjiżi Ewropej oħra, in-negozji qed jiġu mwaqqfa milli jkomplu jaħdmu billi tinqatalhom il-provvista tal-elettriku minħabba kriżi fil-qasam tal-enerġija, Malta kisbet derogi biex l-intrapriżi jibqgħu jaħdmu mingħajr xkiel u f’pajjiżna qed jingħataw ukoll l-akbar sussidji fl-Ewropa fil-qasam imsemmi.

Il-Prim Ministru Abela qal li dan qed isir b’responsabbiltà u għaliex il-gvern jemmen li wara li tgħaddi l-kriżi tal-enerġija, in-negozji f’pajjiżna se jkunu f’qagħda li jieħdu l-opportunitajiet ta’ rkupru.

Il-Prim Ministru Robert Abela nnota r-reżiljenza tal-ekonomija Maltija u kif meta n-negozji sabu s-sostenn tal-gvern, dawn baqgħu kapaċi jilqgħu għall-isfidi bla preċedent.

“Quddiem kriżi internazzjonali, l-azjendi żgħar u medji sabu l-appoġġ u wrew li jistgħu jkunu dinamiċi ħafna u jibdlu l-isfidi f’opportunitajiet”, qal il-Prim Ministru Abela hu u jisħaq dwar il-ħtieġa li nkomplu niddiversifikaw l-ekonomija fejn l-intrapriżi żgħar u medji jibqgħu l-mutur ta’ tkabbir ekonomiku.

Il-President taċ-Chamber of SMEs Paul Abela rrikonoxxa l-għajnuna tal-gvern fl-elettriku, fil-fjuwil u fil-gass u nnota l-kisba tad-derogi biex Malta ma tesperjenzax tnaqqis fil-produttività.

Filwaqt li ġew ippreżentati numru ta’ proposti, iċ-Chamber of SMEs wasslet messaġġ favur is-sostenibbiltà fis-settur tax-xogħol.

Għal din il-laqgħa kien hemm preżenti wkoll il-Ministri Clyde Caruana, Silvio Schembri, Miriam Dalli, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul u d-Deputat tal-Gvern Chris Agius.

PR221369

​F’laqgħa ta’ qabel il-Budget mal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li sa Settembru li għadda, il-gvern investa iktar minn €20 miljun biex ħeġġeġ lin-nies imorru għall-proġetti li jħarsu l-karattru Malti.​

Dan permezz ta’ ffrankar ta’ taxxa jew għotjiet diretti.

€18.6 miljun ġew iffrankati minn dawk li xtraw proprjetà f’żona ta’ konservazzjoni urbana apparti li ftit aktar minn miljun ewro oħra ġew iffrankati mix-xerrejja ta’ proprjetà li kienet ilha vakanti.

Fil-laqgħa mat-tmexxija tal-MDA, Dr Abela aċċenna li dawn huma miżuri li l-gvern se jibqa’ jsostni b’inċentivi li jieħdu ħsieb l-ambjent ta’ pajjiżna filwaqt li l-ekonomija tibqa’ għaddejja b’mod b’saħħtu.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-iżvilupp mhux neċessarjament huwa kontra l-ambjent u filwaqt li rridu nifhmu d-drittijiet li għandu individwu, dan il-gvern se jibqa’ jinċentiva żvilupp li jagħmel sens u ta’ kwalità.

Il-prim ministru nnota kif is-settur li tirrappreżenta l-MDA baqa’ għaddej b’saħħtu u fakkar fil-prijorità tal-gvern li fil-Budget għal 2023 tkompli tingħata stabbiltà u offruta s-sostenibbiltà.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-MDA Michael Stivala saħaq li d-deċiżjoni strateġika li l-gvern jgħin fil-qasam tal-enerġija mingħajr ma anki jżid it-taxxi hija waħda tajba u biex din l-għajnuna tkun sostnuta jeħtieġ tkabbir ekonomiku frott investiment anki mis-settur privat.

Is-Sur Stivala saħaq li s-settur privat jibqa’ jħares lejn l-inċentivi u t-tnaqqis fil-burokrazija filwaqt li semma’ li l-MDA temmen ukoll fit-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħaddiema.

Hawnhekk fost oħrajn semma l-qbil li l-MDA għandha, li l-kumpens għall-għoli tal-ħajja (COLA) għandu jingħata b’mod sħiħ, ikun kemm ikun.

Għal din il-laqgħa kien hemm preżenti wkoll il-Ministri Clyde Caruana, Stefan Zrinzo Azzopardi, Silvio Schembri, u Miriam Dalli, kif ukoll is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul, id-Deputat tal-Gvern Deo Debattista u l-Kap tas-Segretarjat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Glenn Micallef.

PR221363

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li minn din is-sena skolastika, Skema 9 se titwessa’ skont il-ħtieġa u madwar 2,000 student li jgawdu minn din l-iskema se jiġu mgħejjuna aktar. ​

Il-Prim Ministru ħabbar dan waqt laqgħa tal-Kabinett ‘Gvern man-nies’, li tlaqqa’ fl-iskola sekondarja ta’ Ħad-Dingli, Kulleġġ San Nikola u li ddiskuta t-tema tal-edukazzjoni.

Il-Prim Ministru spjega li sal-lum student jista’ jieħu sa waħda mill-għajnuniet offruti taħt din l-iskema. Matul din is-sena skolastika stess, din l-iskema ser titwessa’ biex, skont il-ħtieġa, tkun tista’ tingħata aktar minn għajnuna waħda. Per eżempju, jekk student ikun jeħtieġ l-għajnuniet kollha, ikun jista’ jgawdi mill-għajnuna kollha offruta taħt Skema 9. Skema li toffri għajnuniet bħal uniformi, photocopies mingħajr ħlas, stationery u lunch. Bit-twettiq ta’ din il-miżura dawn l-istudenti issa se jkunu jistgħu jieħdu l-għajnuniet kollha, skont il-ħtieġa.

Fil-preżenza ta’ bosta partijiet involuti fis-settur edukattiv, fosthom edukaturi minn skejjel pubbliċi, tal-knisja u indipendenti, studenti, rappreżentanti tal-unjins u akkademiċi, il-Prim Ministru Robert Abela aċċenna li fis-settur edukattiv ma rridu nħallu l-ebda tifel jew tifla taqa’ lura.

Dr Abela saħaq li l-pajjiż irid jara lit-tfal kollha jirnexxu fis-suġġetti akkademiċi u vokazzjonijiet differenti skont il-ħiliet u l-inklinazzjonijiet tagħhom. Hawn semma l-investiment f’tant faċilitajiet edukattivi biex jintlaħqu t-talenti ta’ kulħadd.

Il-Prim Ministru semma ż-żieda fl-investiment anki fl-istudenti fejn għal din is-sena skolastika u akkademika, il-Gvern qed jonfoq miljun ewro aktar fl-istipendji għal total ta’ €33 miljun.

Dan apparti nefqiet oħra fuq servizzi bħal breakfast club, u trasport mingħajr ħlas għall-istudenti kollha.

Il-Prim Ministru tkellem dwar kif il-bidu ta’ sena skolastika ġdida b’normalità sħiħa wara l-pandemija kien wieħed li mexa ħarir, u saħaq li dan hu żmien eċitanti għas-settur edukattiv. Hawn tkellem dwar fażi oħra importanti li deħlin għaliha fis-settur edukattiv.

Il-Prim Ministru Robert Abela semma li f’din il-fażi l-ġdida rridu niddiskutu mal-edukaturi dwar kundizzjonijiet aħjar u opportunitajiet aqwa filwaqt li lill-istudenti rridu nagħtuhom għodda ġdida.

Dan biex f’din il-fażi l-ġdida naraw li niksbu riżultati aħjar fis-settur edukattiv u fejn l-aqwa opportunitajiet li jinħolqu fl-ekonomija jiħduhom it-tfal Maltin u Għawdxin.

Qabel il-laqgħa tal-Kabinett, li tlaqqa’ fil-komunità, il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima u l-amministrazzjoni tal-iskola u l-kulleġġ, żar numru ta’ klassijiet u ltaqa’ ma’ bosta studenti u edukaturi għaddejjin flimkien bil-vjaġġ edukattiv.