Author: Developer

PR221412

Fil-ftuħ ta’ konferenza ta’ Ernst & Young bit-tema “Malta Future Realised”, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li s-suċċess ekonomiku ta’ Malta ġej frott stabbiltà li joffri l-gvern biex jibni prosperità ġdida għall-intrapriżi u l-familji. “Irridu nimmiraw mhux biss li nkunu attraenti għall-investituri iżda Malta trid tħares li tibqa’ attraenti għall-investiment dirett barrani”, saħaq il-prim ministru hu u jinnota r-riżultati ta’ studju li ġie ppreżentat fil-konferenza li wera żieda fl-interess tal-investituri barranin f’pajjiżna.

Dr Abela qal li studju bħal tal-EY huwa importanti għal gvern li jfassal politika li biha jkompli jixpruna tkabbir ekonomiku u spjega kif punti saljenti li joħorġu mill-istudju huma riflessi wkoll minn studji uffiċjali li jsiru minn żmien għal żmien. Fil-fatt skont l-istudju ta’ EY, il-proporzjon ta’ investituri barranin li jara li jkun f’pajjiżna daqs għaxar snin oħra, huwa seba’ darbiet aktar minn dak li jara li ma jkunux f’pajjiżna. Dan huwa wkoll żieda mill-ħames darbiet aktar reġistrati fl-istudju tas-sena l-oħra. Punt notevoli ieħor hu l-fatt li skont dan l-istudju, dawk li jixtiequ jespandu f’Malta telgħu għal kważi nofs dawk li ħadu sehem f’dan l-istudju. Dan b’żieda minn terz ta’ dawk intervistati s-sena l-oħra.

Quddiem dawn ir-riżultati, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li fuq medda ta’ tnax-il xahar, l-investiment dirett barrani li għandu x’jaqsam max-xjenza, remote gaming u l-komunikazzjoni fost oħrajn, żdied bi kważi kwart ta’ biljun ewro. “Dan ifisser li għall-ewwel darba, l-assi barrannin fis-settur diġitali laħqu l-biljun ewro”, qal il-Prim Ministru hu u jirrijafferma l-impenn tal-gvern li jiddiġitalizza l-ekonomija Maltija. F’dan il-kuntest, il-prim ministru qal li l-pandemija għallmitna iżjed minn qatt qabel, il-ħtieġa tad- diġitalizzazzjoni u dan illum huwa importanti għall-miri ta’ pajjiżna biex ikollna ekonomija newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju.

Il-prim ministru saħaq ukoll li l-kriżi fil-qasam tal-enerġija li laqtet l-Ewropa riżultat ta’ gwerra wriet aktar kemm huwa importanti li nkunu sostenibbli u kapaċi nsostnu lilna nfusna fil-provvista tal-enerġija. Qal li hemm l-aspett ambjentali imma anki dak ekonomiku huwa importanti u għalhekk irridu nħarsu iżjed lejn il-ġenerazzjoni ta’ enerġija rinnovabbli.

Il-prim ministru indirizza lill-imprendituri preżenti fil-konferenza u spjega kif waqt sfidi internazzjonali bħall-pandemija, Malta żammet il-produttività ekonomika b’settur tax-xogħol b’saħħtu. F’dan l-isfond, il-prim ministru qal li issa l-Gvern Malti qed jerġa’ jagħti stabbiltà billi qed jissussidja l-prezzijiet tal-enerġija u ma jitfax il-piżijiet fuq in-negozji u l-familji. Dan apparti li kiseb derogi li ma jolqtux il-produttività f’pajjiżna u l-intrapriżi jistgħu jibqgħu għaddejjin bl-operat tagħhom.

Il-prim ministru temm b’messaġġ ċar li jrid jara ġejjieni għal Malta mibni fuq sisien sodi mnebbaħ mill-valuri soċjali iżda wkoll li jimraħ u jirriforma u jħares l-aspetti ambjentali u tas-sostenibbiltà.

PR221407

F’laqgħa ta’ qabel il-Budget mal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandiera u r-Ristoranti (MHRA) fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li fil-ġimgħat li ġejjin se jibda l-iskavar ħalli mbagħad jimxi l-proċess tax-xogħol biex ikollna l-proġett ambizzjuż ta’ kampus ġdid tal-Istitut tal-Istudji Turistiċi fi Smart City.

Dan wara li fis-sajf li għadda ntlaħaq ftehim biex fi Smart City ikun hemm sit apposta għall-ITS u b’hekk jitwettaq proġett kapitali ieħor.

Il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka kif fl-aħħar xhur rajna settur turistiku li qed jirpilja mid-daqqiet tal-pandemija u llum wasalna għal seat load factor ta’ 90% fuq it-titjiriet.

Hawn semma kif se tibqa’ għaddejja ħidma biex jiżdiedu t-titjiriet lejn pajjiżna u sostna wkoll fuq il-ħtieġa ta’ linja nazzjonali tal-ajru viabbli.

Dr Abela rrimarka li huwa sodisfatt li din is-sena se naqbżu ż-żewġ miljun turist f’pajjiżna u li l-qasam turistiku jibqa’ settur kruċjali għall-ekonomija Maltija.

F’dan l-isfond huwa saħaq fuq il-prodott turistiku u aċċenna li l-Gvern huwa determinat li jibqa’ jinvesti fil-kwalità għas-settur turistiku.

F’dan il-kuntest il-Prim Ministru Robert Abela rrefera wkoll għall-kwalità tal-ħaddiem li jagħti servizz fil-qasam turistiku.

“Wara pandemija u waqt gwerra fl-Ewropa, l-ażjendi f’pajjiżna jibqgħu jitkellmu magħna dwar il-ħtieġa ta’ iktar ħaddiema. Dan il-fatt jixhed it-tkabbir f’pajjiżna li ma waqafx jikber u se jibqa’ jikber,” sostna il-Prim Ministru fil-laqgħa mal-MHRA.

Hawn qal li quddiem dan kollu rridu nkunu responsabbli u nħarrġu l-ħaddiema Maltin f’settur li jeżistu l-opportunitajiet.

Filwaqt li rringrazzja lil dawk involuti fil-qasam turistiku għall-investiment tagħhom biex Malta ttejjeb il-prodott turistiku tagħha, il-Prim Ministru saħaq li filwaqt li pajjiżi oħra jitkellmu dwar kif se jkollhom provvista tal-enerġija u li tkun affordabbli, pajjiżna qed iħares fuq kif irid jgħolli l-livell tal-prodott turistiku.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-MHRA Tony Zahra ngħaqad mal-Prim Ministru dwar l-importanza tat-taħriġ u titjib fil-prodott turistiku Malti.

Saħaq li l-konnettività hija importanti għal gżira li tattira lit-turisti.

Dan filwaqt li rrikonoxxa kif is-sussidju tal-Gvern fil-qasam tal-enerġija għen ukoll lill-operaturi turistiċi.

Għal din il-laqgħa kien hemm preżenti wkoll il-Ministri Clyde Caruana, Clint Camilleri u Clayton Bartolo, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul u d-Deputati tal-Gvern Carmelo Abela u Cressida Galea.

PR221405

F’laqgħa ta’ qabel il-Budget mal-Unjin għall-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela wassal il-messaġġ li fis-settur tas-saħħa mhux biss dejjem jeħtieġ sens ta’ tmexxija iżda anke riżorsa umana b’saħħitha u l-gvern huwa kommess li jibqa’ jsaħħaħ dan.

Mar-rappreżentanti tal-MUMN, il-Prim Ministru qal li jqis lill-professjonisti fil-qasam tas-saħħa bħala s-sinsla tas-servizz li jrid jibqa’ jkun wieħed b’saħħtu, kif wera li hu fost l-aqwa fid-dinja, speċjalment waqt pandemija.

Dr Abela qal li għaż-żmien li ġej, il-prijorità se tkun il-prevenzjoni tal-mard u l-użu tax-xjenza biex bħala pajjiż nevitaw kumplikazzjonijiet ta’ saħħa matul il-ħajja.

Il-Prim Ministru rrefera għall-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’, li fih pakkett ta’ proposti b’saħħithom għas-settur tas-saħħa u fost dawn semma l-aspett tas-saħħa mentali.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li fuq dan l-aspett, fl-aħħar snin bdew jittieħdu numru ta’ passi importanti iżda jeħtieġ aktar passi li jkunu ta’ ħeffa biex nindirizzaw realtajiet li għandna fis-soċjetà.

Mal-MUMN, Dr Robert Abela rrefera għal ħafna xogħol li qed isir f’Monte Karmeli fejn qed tingħata kura speċjalizzata b’numru iżgħar ta’ pazjenti, xi ħaġa li anke l-Awditur Ġenerali nnota b’mod pożittiv.

Il-Prim Ministru qal li rridu wkoll nagħtu spinta lill-isptar il-ġdid għall-kura psikjatrika akuta li se jiġi ffinanzjat minn fondi li Malta kisbet mill-Pjan ta’ Rkupru.

Waqt li sema’ l-idea tal-MUMN, il-Prim Ministru Robert Abela spjega wkoll li l-ħaddiema qed jinżammu fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet li qed jieħu l-gvern fosthom anke biex nilqgħu għall-impatti minn dak li għaddej fuq livell internazzjonali.

“Qed nagħtu għajnuniet biex inżommu stabbli l-prezzijiet tal-enerġija, il-fjuwil u l-gass. Dawn huma deċiżjonijiet li jingħaqdu ma’ ħafna oħrajn li qed iżommu b’saħħitha l-qagħda tal-ekonomija u tal-ħaddiema ta’ pajjiżna”, sostna l-Prim Ministru Robert Abela.

F’dan il-kuntest, il-President tal-MUMN Paul Pace tkellem dwar il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema tas-saħħa u fisser li investiment fil-qasam tas-saħħa, huwa investiment fin-nies.

Għal din il-laqgħa kien hemm preżenti wkoll id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, il-Ministri Clyde Caruana u Jo Etienne Abela, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul u d-Deputati tal-Gvern Malcolm Paul Agius Galea u Romilda Baldacchino Zarb.

PR221387

Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura fabbrika ġdida fiż-Żona Industrijali ta’ San Ġwann b’investiment ta’ €8 miljun. Pet Nutrition House hija l-ewwel kumpanija fl-industrija tal-ikel għall-annimali f’pajjiżna, li tesporta l-prodotti tagħha f’70 pajjiż.

Il-prim ministru qal li negozji bħal dawn huma parti kruċjali mis-suċċess ekonomiku ta’ Malta. Huwa għalhekk, li l-gvern baqa’ jinvesti fin-negozji, mhux biss biex isalvaw quddiem l-isfidi iżda biex jibqgħu jikbru u jibdlu bil-għan li jkunu aktar innovattivi u sostenibbli.

Appoġġ li l-prim ministru spjega li n-negozji qegħdin jirċevuh anke fi żmien ta’ sfidi internazzjonali. Dan billi l-gvern qed iġorr il-piż taż-żidiet fl-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwil. Miljuni ta’ ewro li l-gvern iddirezzjona lejn is-settur tal-enerġija biex jinżammu stabbli l-prezzijiet.

B’referenza għall-prodotti li qed jiġu mmanifatturati f’din il-fabbrika, il-prim ministru qal li dawn qed jimbuttaw il-brand “made in Malta”, għaliex filwaqt li ta’ kuljum ifittex l-investiment barrani, il-gvern huwa kburi li n-negozji Maltin qegħdin jilħqu dawn it-tip ta’ livelli.

Il-prim ministru faħħar li b’investiment state-of-the-art, din il-fabbrika taħdem b’mod effiċjenti u sostenibbli. Sostna li l-mira tal-gvern hi li Malta ssir newtrali għall-klima u għalhekk li id f’id mal-industrija, qed jippromwovi mudelli sostenibbli u li jnaqqsu l-konsum tal-enerġija u tniġġis.

Dr Abela kkonkluda li dan l-investiment jirrappreżenta l-viżjoni tal-gvern għan-negozju f’Malta. Li jimraħ f’setturi ġodda, jinvesti fis-sostenibbiltà tal-produzzjoni u joffri impjiegi ta’ kwalità. Bil-pjanijiet ta’ dan in-negozju huwa li fil-futur qrib flimkien mal-40 impjegat preżenti jiżdiedu aktar ħaddiema.

Id-Direttur ta’ Pet Nutrition House Matthew Wismayer stqarr li s-suċċess tal-kumpanija huwa bbażat fuq l-innovazzjoni, servizz ta’ eċċellenza, u prodott ta’ kwalità. Spjega li fl-isfond tal-isfidi internazzjonali li qegħdin ngħixu, is-sussidju tal-enerġija mill-gvern huwa element importanti għan-negozju. Ikkonkluda li l-investiment li għamlet il-kumpanija, jikkumplimenta l-viżjoni tagħhom biex ikomplu jwessgħu l-firxa ta’ prodotti li joffru fis-suq lokali u anke internazzjonali.

Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli u l-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet Silvio Schembri.

PR221392

Il-Prim Ministru Robert Abela jinnota s-sentenza tal-Qorti Kriminali li ngħatat illum u li permezz tagħha żewġ persuni oħra ġew misjuba ħatja għall-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia, u kkundannati għal erbgħin sena priġunerija kull wieħed.

Dan hu pass importanti ieħor lejn ġustizzja f’dan il-każ, li hu tebgħa sewda fl-istorja ta’ pajjiżna.

Wara s-sentenza tal-lum, issa hemm tliet persuni misjuba ħatja u kkundannati b’piena ta’ priġunerija dwar dan il-qtil. Filwaqt li tliet persuni oħra għad irid jibda l-ġuri tagħhom.

Il-prim ministru jerġa’ jtenni l-impenn ċar tal-gvern li jkun hemm ġustizzja mal-familja Caruana Galizia u mal-poplu kollu.

Il-prim ministru jrodd ħajr lill-awtoritajiet kollha li ħadmu u qed ikomplu jaħdmu bil-għan li ssir ġustizzja sħiħa f’dan il-każ.

Awtoritajiet, li se jibqgħu jsibu lill-gvern ta’ sostenn fil-ħidma tagħhom.

Fl-istess ħin il-gvern se jkompli ukoll b’riformi importanti li jsaħħu s-saltna tad-dritt u l-qafas demokratiku ta’ pajjiżna.